J. A. Baker
John Alec Baker kien awtur Ingliż magħruf l-aktar għall-ktieb The Peregrine, illi rebaħ id-Duff Cooper Prize fl-1967. Robert Macfarlane sejjaħlu "kapolavur tal-letteratura non-fiction tas-seklu 20" meta kiteb id-daħla għall-edizzjoni tan-New York Review Books.[1] Fuq il-qoxra ta' wara tal-istess edizzjoni, James Dickey jistqarr li l-ktieb "jittraxxendi kull kitba naturistika ta' żmienna," filwaqt li Barry Lopez jgħid li l-ktieb hu "wieħed fost l-aktar rakkonti dwar in-natura miktubin sabiħ, osservati b'reqqa u evokattivi." Werner Herzog qal li hu "l-ktieb waħdani li nistedinkom taqraw jekk tridu tagħmlu l-films,"[2] and said elsewhere "... it has prose of the caliber that we have not seen since Joseph Conrad."[3] Il-ktieb jirrakkonta sena waħda minn Ottubru sa April (x'aktarx tal-1962/3) mill-ossessjoni tal-awtur dwar il-bies, li damet għaddejja għaxar snin sħaħ, u li kien iqatta' x-xtiewi qrib fejn kien joqgħod Baker, f'Chelmsford, Essex fl-Ingilterra tal-Lvant. Il-kitba hi lirika, u rwol l-awtur ta' osservatur ħabrieki jinbidel fuq livell personali hekk kif Baker isir, fi kliem James Dickey, "twaħħida bejn l-għasfur u l-bniedem." Il-ktieb l-ieħor li qatt kiteb Baker kien The Hill of Summer, tal-1969, rakkont liriku u viżjonarju ta' mixjet is-sajf fl-inħawi l-aktar selvaġġi tal-Ingilterra tan-Nofsinhar. Għad illi mhux magħruf daqs The Peregrine, xorta jgawdi l-istess reputazzjoni għall-ġmiel letterarju u l-preċiżjoni naturalista. Baker kien twieled fis-6 ta' Awwissu 1926 u għex Chelmsford, Essex. Ħa l-edukazzjoni sekondarja tiegħu fil-King Edward VI Grammar School, Chelmsford. Il-kotba tiegħu huma msejsin fuq l-osservazzjoni tiegħu tal-għasafar fil-kampanja ta' Essex l-aktar fl-inħawi li jibdew minn Chelmsford u jibqgħu sejrin sal-kosta. Għad illi kien jaħdem mal-Automobile Association, Baker ma kienx jista' jsuq u kien iterraq bir-rota. F'xil-1970 qabdu r-rewmatiżmu u ħariġlu l-kankru minħabba fil-pilloli li kien jieħu biex itaffi r-rewmatiżmu. Miet fis-26 ta' Diċembru 1987. L-Università ta' Essex għandha xi oġġetti li kienu tiegħu, fosthom id-djarji, l-abbozzi tal-kotba, l-abbozzi korretti, il-korrispondenza tiegħu, u t-tagħmir ottiku li kien juża biex josserva l-għasafar. [4] Referenzi
|